top of page

Kristu Re: L-aħħar Ħadd ta'Matul is-Sena B

Writer's picture: Fr. Edward VellaFr. Edward Vella


Prietka


Fil-ħajja kulħadd għandu xi alla, jew taċċetta lil Alla l-veru, jew tadura xi alla ieħor, eżempju l-flus, poter, pjaċiri tad-dinja... jew tagħmel lilek innifsek alla; dan tal-aħħar huwa l-alla falz l-aktar komuni ta’ żmienna għaliex jekk tkun trid tagħmel li trid u li jaqbillek, allura huwa komdu li tgħid li Alla ma jeżistix jew ma jimpurtakx jeżistix jew le, hekk tkun tista’ tagħmel lilek innifsek alla. Allura kemm hu importanti li niskopru min verament hu Alla tagħna: biex tagħmel dan trid tieħu l-ħin, u tistaqsi lilek innifsek bis-serjetà: jien min hu l-veru alla tiegħi? Min jew x’inhi l-aktar ħaġa importanti f’ħajti? Alla tiegħi huwa dak li jiġi l-ewwel f’ħajti, l-aktar ħaġa importanti għalija.


X’jiġi f’moħħna meta nisimgħu l-kelma sultan? Żgur li ma jiġix f’moħħna lil Ġesù msallab. Normalment is-slaten issibhom fil-palazzi u mhux fuq salib; f’rashom issibilhom kuruna tad-deheb u djamanti, u mhux kuruna tax-xewk; is-sudditi jservu lilhom u mhux huma jagħtu ħajjithom għas-sudditi tagħhom. Illum, l-aħħar Ħadd tas-Sena liturġika, qegħdin nagħmlu l-festa tas-Sultan tagħna.


B’liema mod Ġesù hu Sultan? Fil-prefazju tal-quddiesa tal-lum, jiġifieri f’dak l-innu sabiħ li jgħid is-saċerdot qabel ma ngħidu flimkien il-‘Qaddis’, insibu dan il-kliem, ‘... saltna ta’ qdusija u grazzja, saltna ta’ ġustizzja, imħabba u sliem’. Dawn huma l-kwalitajiet tas-Saltna ta’ Ġesù u minnhom nistgħu nifhmu min hu s-Sultan li qegħdin niċċelebraw illum. Dan m’huwiex Sultan li jiddomina, iżda li jħobb bi mħabba bla qies, ma huwiex Sultan li s-suldati tiegħu jagħtu ħajjithom għalih iżda hu jagħti ħajtu għalina lkoll, ma huwiex Sultan li jilbes kuruna ta’ deheb fin, ħwejjeġ fini u joqgħod fuq tron majestuż, iżda huwa Sultan imdendel fuq salib.


Infatti l-Evanġeju tal-lum joffrilna xena li tirrivelalna min hu dan is-sultan tagħna. Quddiem Pilatu, bniedem li mingħalih għandu s-setgħa, Ġesù jistqarr li huwa Sultan, iżda mhux skont il-miżura tad-dinja: ‘Pilatu qallu: “Mela int sultan?” U Ġesù wieġeb: “Int qiegħed tgħidu; jien sultan. Jien għalhekk twelidt, u għalhekk ġejt fid-dinja, biex nixhed għall-verità. U kull min iħobb il-verità jisma’ leħni”. X’inhi din il-verità li minnha jitkellem Ġesù? Din hija l-Evanġelju, u allura dawk li jiffurmaw parti mis-saltna tiegħu u jgħixu l-evanġelju, jgħixu fil-qdusija u fil-grazzja, jgħixu l-ġustizza u l-imħabba u jfittxu dejjem il-paċi.


Quddiem Ġesù Sultan imsallab kulħadd jirreaġixxi bil-mod tiegħu; xi wħud għajruh, il-folla baqgħet indifferenti, il-ħalliel it-tajjeb rebaħ miegħU. Int u jien kif nirreaġixxu quddiem is-Sultan tagħna msallab? Niftakru li għad li s-saltniet ta’ din id-dinja jidhru ħafna aktar attraenti, iżda l-ebda sultan ma baqa’ jsaltan għal dejjem, u s-saltniet kollha tad-dinja ġew jew jiġu żgur fi tmiemhom. Wieħed biss joffri Saltna fuq kollox u għal dejjem. Int parti minn liema saltna trid tagħmel, dik ta’ din id-dinja jew ta’ Ġesù?


Mulej Ġesù illum nieqfu quddiem s-salib tiegħek, illum nistagħġbu b’dak li Alla l-Missier kien lest li jagħmel għall-imħabba tad-dinja, illum niċċassaw inħarsu lejk u sa fejn wasslitek l-imħabba tiegħek lejna. Għinna Mulej ħalli mal-ħalliel it-tajjeb ngħidulek ‘Ġesù, ftakar fija meta tidħol fis-Saltna tiegħek’.


Innu

Int kont qabel ma tnissel

u twieled il-ħolqien:

inti s-Sultan tas-slaten,

inti s-Sid tas-sidien.


Minn żmien għall-ieħor, Kristu,

il-ġnus mexxejthom int:

ġarraft il-qawwa mkabbra,

il-ħaqq u l-jedd weżint.


Billi l-kobor ta’ nislek

fil-faqar tagħna ħbejt,

u bħal ħaddiem u fqajjar

qalb il-fqajrin imxejt.


Ma fehmitekx id-dinja,

daħħlitek fit-tiġrib,

b’sultan tad-daħk għaddietek,

sammritek fuq salib.


Iżd’int mill-għuda mbierka

li fuqha kont mislub

ħaddant id-dinja ħatja

u sirt Sultan tal-qlub.


Ħa tqimek, mela, d-dinja,

għax int Sultan ħanin,

u tibqa’ l-ħniena tiegħek

sa kemm itulu s-snin. Amen

bottom of page