top of page

L-1 Ħadd tal-Avvent – B

Dawk il-familji li għaddew mill-esperjenza tal-emigrazzjoni jafu x’jiġifieri t-tbatija tal-firda. Meta xi ħadd isiefer, l-aktar fl-antik, kien ifisser li lil dik il-persuna għażiża min jaf meta terġa taraha u tkun tista’ titkellem magħha wiċċ imb wiċċ. Tistgħu timmaġinaw il-ferħ li konna nħossu meta wara ħafna snin xi ħadd kien ikun ser jerġa jiġi, anke jekk forsi għal ftit taż-żmien. Miġja ta’ xi ħadd għażiż għalina dejjem iġġib magħha ferħ kbir.


Bdejna żmien l-Avvent: il-kelma Avvent ġejja minn kelma bil-latin, ‘Adventus’ li tfisser ‘miġja’ jew ‘wasla’. Dan huwa żmien sabiħ ħafna, żmien li fih qegħdin nistennew l-miġja tal-Mulej, kemm dik li seħħet u anke dik li għad trid tiġi. Infatti l-ewwel parti tal-Avvent jiġifieri mill-ewwel Ħadd sas-16 ta’ Diċembru, aktar tiffoka fuq l-istennija tat-tieni miġja tal-Mulej, dik li trid isseħħ fl-aħħar tad-dinja meta huwa jiġi bħala mħallef.


Il-poplu t’Alla tat-Testment il-Qadim ukoll kien poplu li qed jistenna: ‘Int, Mulej, missierna, ismek il-Feddej tagħna minn dejjem... Erġa’ lura minħabba l-qaddejja tiegħek’. Dan il-poplu kien qed iġarrab ġwaj doppju; il-gwaj tal-persekuzzjoni mill-għedewwa tiegħu, u ġwaj agħar kien dak ta’ dnubietu stess. ‘Ara! Int kont mgħaddab għalina, u aħna dnibna. Domna fi dnubna, u kontrik qomna għal ħafna żmien. Tniġġisna lkoll kemm aħna, bħal ċarruta maħmuġa l-aħjar għemejjel tagħna;...’ Il-kittieb fehem li d-dnub ġab il-poplu fejn kien jinsab; fehem li li titbiegħed minn Alla jfisser li tkun tbigħedt mill-għajn tal-ħajja u għalhekk il-karba: Mhux li kont iċċarrat is-smewwiet u tinżel minn hemm!’ Ħadd ma jista’ jeħlisna mid-dnub ħlief Alla waħdu. U jkompli, ‘Mulej, int missierna; aħna t-tafal, u inti l-fuħħari; aħna lkoll għemil idejk.’ Kemm hija sabiħa din x-xbieha ta’ Alla bħala l-fuħħari u aħna t-tafal: kemm tabilħaqq nintelqu f’idejh għax nemmnu li dak li jrid Hu minna huwa l-aħjar ħaġa għalina? It-tafal biex ikun tajjeb biex jinħadem l-ewwel net irid ikun ħieles minn żrar jew ħwejjeġ oħra; hekk aħna jekk tabilħaqq irridu nkunu bħat-tafal f’idejn il-fuħħari l-ewwel jeħtieġ li niġu msoffija. U t-tieni jeħtieġ li noqgħdu għall-ħidma tal-fuħħari biex jagħmel minna dak li jixtieq Hu.


Fil-Vanġelu tal-lum tiddomina l-kelma ‘ishru’; din il-kelma tfisser ma torqodx, jew ma titnikkirx kif konna ngħidu. Is-sens tagħha hija li nsiru aktar konxji li aħna ma aħniex għal hawn, pajjiżna m’hijiex din id-dinja, aħna ninsabu f’mixja u mportanti li ma norqdux, ma nintelqux, ma nieħdux il-fidi tagħna forgranted li ma jiġrilniex, kif ġralhom ħafna li nitilfuha, u hekk ma naslux fid-destinazzjoni tagħna. Li tishar ifisser li titlob, tistenna l-Mulej ġej, li tħallih issaffik u jiffurmak biex hekk issir dejjem aktar tixbaħ lil Ibnu Ġesù. Kemm jien lest li noqgħod għall-ħidma tal-fuħħari, kemm nemmen li hu jeħtieġlu jsaffini u jiffurmani kif jrid Hu, għax Hu biss jaf x’inhu l-aħjar?


Mulej illum int tistedinna biex nishru. Għinna ħalli nifhmu li l-istennija tat-tieni miġja tiegħek hija l-aħjar mod kif nistgħu niskopru l-ferħ veru tal-Milied li ġej, ferħ mhux biss tar-riġali u l-ikliet, iżda ferħ tal-qalb li tista’ tagħtihulna biss int.


bottom of page