![](https://static.wixstatic.com/media/fc422f_3c304b90178e4902a0b8f897b79e3881~mv2.jpg/v1/fill/w_980,h_653,al_c,q_85,usm_0.66_1.00_0.01,enc_auto/fc422f_3c304b90178e4902a0b8f897b79e3881~mv2.jpg)
Tmiem ta’ sena huwa dejjem marbut mal-bidu ta’ oħra ġdida: meta dan jiġri xi ftit jew wisq nirriflettu fuq il-valur taż-żmien u tal-ħajja stess. Ħajjitna hija magħmula miż-żmien u allura ż-żmien huwa importanti ħafna għalina. Min jaf kemm-il darba għedna li ż-żmien jgħaddi malajr, iżda minn naħa l-oħra ħafna drabi ngħixu qiżu dan mhux minnu, qisu ż-żmien mhu ser jgħaddi qatt; u xi żball kbir inkunu nagħmlu. Forsi xi ħadd jgħid, issa li ġej il-Milied għaliex qed niftakru fuq l-fatt li l-ħajja tgħaddi u li l-Mulej għad irid jerġa jiġi? Jekk aħna niddakkru mill-mentalità tal-konsum, jiġifieri l-mentalità tal-business li l-interess tagħha hu li tbiegħ, u li tibda ddaħħalna fil-ġenn tax-xiri u l-materjaliżmu minn nofs Novembru, allura jasal Jannar u l-ferħ tagħna jtir mar-riħ mat-tiżjin tal-Milied. Illum l-Knisja trid tgħidilna li aħna għandna bżonn l-Avvent fil-ħajja tagħna, u li mingħajru ma nistgħux niċċelebraw Milied b’mod nisrani.
Il-Knisja tibda u ttemm is-Sena tagħha fuq l-istess nota: il-Mulej ġej. Fl-ewwel qari tal-lum mill-ktieb tal-Profeta Ġeremija l-Mulej jgħidlna li ser itemm mal-poplu tiegħu l-ġid li wegħdhom. ‘Intalla’ min-nisel ta’ David rimja tas-sewwa, bniedem li jagħmel il-ġustizzja u s-sewwa...’. Minħabba il-Mibgħut tal-Mulej il-poplu t’Alla jgħammar b’moħħu mistrieħ. Ġesù hu l-imħabbar Salvatur li ġie u li għad irid jiġi, Hu dak li jġib is-salvazzjoni għall-popli kollha.
Quddiem il-Mulej li ġej, permezz tas-Salm għednielu, ‘Triqatek, Mulej, għarrafni, il-mogħdijiet tiegħek għallimni,... hu juri triqtu lill-ħatja.’ Fil-ħajja kemm hu faċli titlef it-triq, u kull wieħed u waħda minna għamilniha l-esperjenza; it-triq ma tlifnihiex biss b’mod individwali iżda bħala umanità lkoll kemm aħna mingħajr il-Mulej aħna mitlufa. Hu permezz tal-Kelma li l-Mulej jurina t-Triq il-waħda l-vera li tagħti għall-ħajja. Il-Mulej qed isejħilna lura, biex niġu għandu mill-ġdid.
Fl-Evanġelju tal-lum, Ġesù jurina li din id-dinja, bit-tajjeb u l-ħażin tagħha għad tintemm, u allura kemm hu iblaħ il-bniedem li jintrabat iżżejjed magħha. Hu jfakkarna li għad irid jerġa jiġi u jagħmel ħaqq minn kull bniedem. Dan ma għandux ikun ta’ biża għall-magħżulin tiegħu, anżi hu jgħidilna, ‘qawwu qalbkom u erfgħu raskom, għax il-fidwa tagħkom hi fil-qrib’. Iwissina iżda ‘oqogħdu attenti, u qisu li l-ikel u x-xorb żejjed u s-sokor ma jmewtulkomx qalbkom, u tħallux li l-ħafna tħassib għall-ħtiġijiet tal-ħajja jeħdilkom raskom’. X’għerf tas-sema; mhux dawn ż-żewġ problemi l-kbar ta’ żminna; l-istress jew tħassib żejjed għal dak li hu ta’ din l-art u l-aljenazzjoni jew ‘ikel u xorb żejjed u sokor... U x’solużżjoni toffrilna l-Kelma t’Alla? ‘ishru’ u ‘itolbu l-ħin kollu’. U San Pawl iżid jgħidilna, ‘jalla l-Mulej ikattrilkom u jfawwarkom bl-imħabba għal xulxin u lejn kulħadd’. Dan għandu jkun l-Avvent għalina.
Mela min ma jridx li l-ferħ ta’ dan iż-żmien itir mar-riħ wara li jgħaddi l-Milied, jeħtieġlu li jsib ħin biex jishar billi jitlob u jirrifletti fuq il-Kelma t’Alla u biex juri mħabba lejn kulħadd, iżda l-aktar lejn dawk li huma neqsin minn kollox. Nistaqsu lilna nfusna: Kemm nagħti ċans lili nnifsi biex nirrifletti fuq il-veru valur taż-żmien? Ġieli ninqeda b’dak li hu ta’ din id-dinja biex naljena ruħi dwar il-fatt li din id-dinja u ħajti għad tgħaddi? Kemm nemmen li f’Ġesù biss insib l-veru sens ta’ ħajti?
Fil-bidu ta’ dan l-Avvent Mulej, nitolbuk tkun magħna f’din il-mixja biex ma naljenawx ruħna b’dak li hu tad-dinja iżda niftakru li fik biss hemm dak li aħna verament għandna bżonn, u dan nifhmuh biss jekk ma nieqfu qatt nishru u nitolbu. Amen