
Ħafna minna żgur li ta’ sikwit nixxenqu għal xi mument ta’ kwiet. Iżda jekk nieqfu naħsbu ftit, nintebħu li s-skiet mhux komdu. Tgħid għaliex il-bniedem tal-lum ivvinta bosta affarijiet biex jevita il-kwiet?
Dan iż-żmien qaddis tar-Randan, hu żmien ta’ grazzja speċjali, u f’dan l-ewwel Ħadd il-Mulej qiegħed jistedinna biex nagħrfu l-importanza tas-skiet. Fil-Vanġelu nsibu li Ġesù, wara li kien mgħammed fil-Ġordan mar fid-deżert, post assoċjat ħafna mas-skiet. Is-skiet li qiegħed jistedinna għalih il-Mulej illum huwa bħal mera, mhux li turina kif aħna minn barra, iżda li turina min aħna minn ġewwa. Għal din ir-raġuni is-skiet kapaċi jkun skomdu ħafna. Infatti fis-skiet tad-deżert Ġesù jaffronta t-tentazzjonjiet li żgur ma kienux biss vuċi ġejja minn barra, iżda vuċi minn ġewwa, għaliex huwa kien bħalna f’kollox minbarra d-dnub, u għalhekk aċċetta wkoll li jkun ittentat.
X’kienu l-akbar tentazzjonijiet li kellu jaffronta Ġesù bħala bniedem? L-ewwel, ‘Jekk inti Bin Alla, għid lil dan il-ġebel isir ħobż’. Ix-xitan qiegħed jgħid lil Ġesù ‘servi lilek innifsek, paxxi lilek innifsek, ħallik mis-sagrifiċċju u s-sawm’. It-tieni tentazzjoni kienet; waqt li juri lil Ġesù s-saltniet kollha tad-dinja jgħidlu, ‘Nagħtik is-setgħa fuq dawn kollha,... Jekk tinxteħet quddiemi tagħtini qima...’. Din hija t-tentazzjoni għall-poter, li wieħed jiddomina fuq l-oħrajn. U l-aħħar waħda; minn fuq il-quċċata tat-tempju f’Ġerusalemm, jgħidlu, ‘Jekk inti Bin Alla, inxteħet minn hawn għal isfel...’. Ix-xitan qiegħed jittenta lil Ġesù biex ikun popolari. Jekk wieħed jaħseb ftit ma jridx wisq biex jintebaħ li dak li x-xitan ried hu li jbiegħed lil Ġesù mis-salib; ix-xitan kien jaf li Ġesù kien ser isalva lid-dinja billi jaċċetta r-rieda tal-Missier li jbati u jmut imsallab għalina, u allura kien jaf li hu kien ser iġarrab l-akbar telfa b’dan.
Lilna wkoll ix-xitan ma jieqafx jittentana, u jekk nirriflettu ftit, l-istess tentazzjonijiet ta’ Ġesù huma l-akbar tentazzjonijiet li fihom irid iwaqqagħna; 1. il-pjaċiri u t-tpaxxija tagħna nfusna, 2. il-poter li mhux għas-servizz u 3. l-fama/suċċess li jagħmilna allat tagħna nfusna. Dawn huma l-akbar tentazzjonijiet fil-ħajja li jbegħduna mill-ideal waħdieni tal-ħajja jiġifieri l-imħabba vera li hija l-għotja tagħna nfusna lill-oħrajn. Mod wieħed biss hemm biex nirbħu dawn it-tentazzjonijiet, dan huwa s-SALIB TA’ ĠESÙ. Mhux ta’ b’xejn li San Ġorġ Preca kien isejjaħlu l-Ktieb il-Kbir, għaliex hu biss jista’ jgħallimna dak li ebda ktieb ieħor ma jista’.
Mulej Ġesù, minn qalbna nitolbuk fil-bidu ta’ dan ir-Randan imqaddes, biex tagħtina l-ġrazzja li qatt ma naqilgħu l-għajnejn ta’ qalbna minn fuq is-salib tiegħek, għaliex minnu biss aħna nistgħu nsibu dik l-għajn ta’ ħajja u mħabba li tista’ ssalvana. Ammen