![](https://static.wixstatic.com/media/fc422f_93689d761abb4e06a32d53807ae5098d~mv2.jpg/v1/fill/w_960,h_678,al_c,q_85,enc_auto/fc422f_93689d761abb4e06a32d53807ae5098d~mv2.jpg)
Waħda mill-qaddisin l-aktar famużi hija Santa Bernardette Soubirous li fl-1858 rat lill-Verġni Marija ġewwa Lourdes fi Franza. Wara mewta meta fil-proċess tal-Kanoniżazzjoni tagħha hija ġiet eżumata, jiġifieri maqlugħa mill-qabar, instab li ġisimha kien baqgħa intatt. Illum wieħed jista’ jara ġisimha fil-knisja tal-Kunvent fejn għexet f’Nevers. Forsi wieħed jistaqsi dan x’għandu x’jaqsam mal-qari tal-lum? L-Arċisqof Emeritu ta’ Malta, Mons Pawlu Cremona, darba spjega li d-dnub huwa xi ħaġa tal-ġisem għax huwa bil-ġisem tagħna li nidinbu: mela meta l-ġisem jispiċċa qisu jkun qiegħed jinqered id-dnub li hemm ġo fih. Issa f’dawn il-qaddisin ma jkunx hemm dnub, allura Alla jagħtina dan is-sinjal biex jurina li Huwa aqwa mill-qawwa tan-natura li b’mod normali twassal il-ġisem tagħna biex jispiċċa wara l-mewt. Dan kollu llum qed ngħiduh għaliex il-Kelma t’Alla llum tkellemna dwar id-dnub.
Ħafna drabi fi żmienna, jekk titkellem mid-dnub, tkun meqjuż antikwat. Iżda d-dnub jeżisti? Naħseb li ma tridx wisq biex tintebaħ kemm jeżisti ħażen fid-dinja ta’ madwarna u anke fina: allura ma nkunux għaqlin li għax naraw l-għadu bħal donnu qed jirbaħ fuqna nibdew ngħidu li ma huwiex għadu aktar, jew agħar nitħabbu miegħu, għaliex b’dan il mod inkunu nagħtu permess lill-għadu biex jeqridna. Fl-ewwel qari tal-lum naraw kif Adam ħadha kontra Alla li kien ħalqu u wrieh b’tant modi li kien iħobbu. Meta Adam tilef l-imħabba t’Alla huwa mmedjatament beda jakkuża lil martu tad-dnub tiegħu: id-dnub ma jġibx biss firda minn Alla iżda wkoll firda fost il-bnedmin, firda man-natura u firda f’qalb il-bniedem għax jisraqlu l-paċi ta’ qalbu li hija tant importanti għalih.
Quddiem r-realtà tad-dnub ħafna jippretendu li ma jeżistix u hekk ikunu jagħtu permess lill-qawwa tal-ħażen li tagħmel ħerba f’ħajjithom, oħrajn jsiru pessimisti għax ma jarawx soluzzjoni għall-ħażen fihom u madwarhom; l-ebda wieħed minn dawn ma huwa l-atteġġjament ta’ nisrani li jemmen. In-nisrani li jemmen jaf li Ġesù rebaħ fuq il-ħażen u fuq id-dnub, u jerfa kemm jerfa rasu l-ħażen u d-dnub fl-aħħar mill-aħħar huwa tellief, għax Ġesù, bil-qawmien tiegħu rebaħ fuqu.
Għalhekk x’għandu jkun l-atteġġjament tan-nisrani? In-nisrani huwa bniedem li jgħix b’saqajh mal-art u ħarstu fis-sema, u għalhekk huwa jagħraf u jemmetti li d-dnub jeżisti fid-dinja ta’ madwaru u ġo fih. It-tieni in-nisrani jaf li Ġesù biss jista’ jeħilsu mid-dnub, u għalhekk imur għandu niedem minn dnubietu u jitolbu maħfra sinċiera. Hawn ta’ min jispjeġa x’inhu d-dnub kontra l-Ispirtu s-Santu li Ġesù qalilna fl-evanġelju li ma jinħafirx: dan huwa meta wieħed jagħraf li Ġesù huwa s-salvazzjoni li Alla qiegħed joffri lill-bnedmin kollha, u ma dan kollu xorta jibqa jwebbes rasu biex ma jaċċettahx. Eżempju ta’ dan huma dawk li rawh jagħmel miraklu u xorta sabu skuża biex ma jaċċettawhx billi qalu li hu bil-qawwa tal-kbir tax-xjaten qiegħed jagħmel il-mirakli. Ġesù jispjegalhom li dan ma jistax ikun għaliex jekk huwa hekk ifisser li x-xitan ħadha kontra tiegħu nnifsu, u saltna maqsuma fiha nnifisha tispiċċa.
Nistaqsu lilna nfusna: jien nagħraf id-dnub tiegħi, jew qed ngħaddas rasi ġor-ramel u ngħix bħallikieku d-dnub ma jeżistix? Naċċetta li ħadd u xejn ma jista’ jagħmilli ħsara aktar mid-dnub, għaliex il-ħsara tiegħu tmur lil hinn mill-mewt? Nemmen li Ġesù biss jista’ jeħlisni minn dan l-akbar għadu, u għalhekk nersaq għandu niedem minn ħtijieti?
Mulej inti llum trid tiftħilna għajnejna mill-akbar għadu tagħna li huwa d-dnub: għenna ħalli ma naqgħux fit-tentazzjoni ta’ żmienna li biex nidhru moderni ninnegaw l-eżistenza ta’ dan l-akbar għadu tagħna; fuq kollox agħtina l-ġrazzja li nersqu lejk niedma bis-sinċerità għax nafu li int biss tista’ teħlisna u ssalvana. Ammen