Naħseb li lkoll kemm aħna smajna l-espressjoni li ‘l-għajnejn huma t-twieqi tal-qalb’. Wieħed
mill-qaddisin il-kbar tal-Knisja darba qal li ‘l-għajnejn ta’ tarbija huma t-twieqi tal-ġenna’.
Hemm xi ħaġa li taffaxxina f’għajnejn il-bniedem, donnu l-għajnejn jikxfu dak li jkun hemm fil-
qalb hekk li bl-ingliz hemm saying li jgħid, ‘eyes never lie’. Ma nafx intbaħtux llum li s-salm
jitkellem ħafna mill-għajnejn: ‘Lejk nerfa’ għajnejja, int li tgħammar fis-smewwiet.
Ara,...bħal għajnejn il-qaddejja lejn id sidtha; hekk għajnejna lejn il-Mulej, Alla
tagħna,...’, u aħna rrispondejna: ‘Għajnejna lejn il-Mulej, sa ma jkollu ħniena minna.’
Fl-antik, sfortunatament, Alla kien jiġi ppreżentat lilna bħala dak li jara kollox, u allura bħal qisu
dejjem lest biex jikkastigana jekk aħna ma nobdux; ma hijiex din l-immaġni ta’ Alla li jagħtina
Ġesù, l-Iben il-waħdieni tal-Missier, li ħadd daqsu ma jaf il-qalb ta’ Alla. Ġesù jippreżentalna lil
Alla bħala Missier li jħobbna, li bħall-missier tal-parabbola tal-iben il-ħali, dejjem jistenna lil
ibnu li tbiegħed u jittama li jerġa lura fi ħdanu. Għajnejn Alla huma fuqna bħal għajnejn ta’ omm
u ta’ missier li jieħdu ħsieb u jħobbu l-uliedhom, u għalhekk iżommuhom dejjem taħt
għajnejnhom kif ngħidu aħna. Iżda s-salm aktar jitkellem minn għajnejna kif iħarsu lejn Alla:
dak li jħares b’fiduċja lejn Alla li jgħammar fis-smewwiet, u l-qaddejja li tħares b’għajnejja lejn
id sidtha għax qed tistenna l-ħniena minn għandha, forsi għax żbaljat. L-għajnejn li jħarsu lejn l-
art, huma għajnejn umli li qed jitolbu xi ħaġa li jafu li ma għandhomx dritt għaliha, iżda qed
jitolbu l-ħniena.
L-ewwel qari jkellemna minn Eżekjal li jisma’ ’l Alla jsejjaħlu biex imur iwassal l-Kelma tiegħu
lil poplu ta’ ras iebsa, mhux biss poplu li dineb iżda poplu li huwa stinat fi dnubu. Minkejja dan
Alla jrid iwassalu l-messaġġ li Huwa xorta ma abbandunahx; infatti f’nofsu hemm il-profeta li
jwassal il-Kelma tiegħu, Kelma li twiddeb u twissi, Kelma li ssalva. Alla tagħna mhux talli
mhuwiex għassa tagħna biex jikkastigana meta nidinbu, talli anke jekk inwebbsu rasna fid-dnub
huwa jibqa’ jħobbna u jittama li nintebħu bl-iżball tagħna u nerġgħu fit-triq it-tajba.
In-nies li kienu jafu lil Ġesù sa minn ċkunitu, sabuha diffiċli biex jaċċettaw il-Kelma tiegħu,
għad li ħassew li hija Kelma setgħana u mimlija għerf tas-sema; dan sempliċement għaliex kien
il-mastrudaxxa, u l-familjari tiegħu kienu jafuhom, u għalihom ma kienu ħadd speċjali. Dan
wassalhom biex ma aċċettawx lill-Mibgħut ta’ Alla sempliċement għaliex, skont huma, kienu
jafuh iżżejjed: ‘baqa’ mistagħġeb bin-nuqqas ta’ fidi tagħhom’. Tgħid aħna li aħna midħla
ħafna tal-Knisja, kultant inkunu l-istess? Tgħid ikollna l-affarijiet ta’ Alla dejjem fuq fommna
iżda l-bogħod minn qalbna? Tgħid Ġesù li jaf lil qalbna jsib fina Fidi vera jew le?
Fit-tieni qari tal-lum, San Pawl ispirat minn Alla, jasal li jiftaħar bid-dgħufija tiegħu, u dan
għaliex din iżżommu umli: Alla permezz tax-xewqa li kienet tniggżu u ttaqqlu kien qed jeħilsu
mill-akbar għadu li hija is-suppervja. Is-supperv qatt ma jaċċetta lil Alla għax jagħmel lilu nnifsu
alla.
Nitolbuk Mulej, imliena bil-grazzja tiegħek, agħtina l-kuraġġ u l-fidi biex nibqgħu nħarsu
’l fuq lejk, għax tassaw nagħrfu x-xejn tagħna u l-kobor u, fl-istess ħin, l-imħabba tiegħek
lejna dgħajfa u midinba. Eħlisna nitolbuk mir-ras iebsa u l-qalb magħluqa, eħlisna mis-
suppervja l-għadu l-kbir tagħna, biex hekk f’qalbna jkollna biss Lilek, int li titgħaxxaq
b’għajnejn l-umli. Ammen.