Naħseb li lkoll kemm aħna nistgħu ngħidu li fil-ħajja tgħallimna aktar minn esperjenzi li joffru sfida milli minn meta l-affarijiet kienu faċli. Xi ħadd darba qal: ‘Aħjar esperjenza iebsa li tagħmlek umli minn suċċess li jagħmlek arroganti’.
Fl-ewwel qari tal-lum smajna, ‘Sidi l-Mulej fetaħli widinti, u jiena ma webbistx rasi, ma rġajtx lura... ma ħbejtx wiċċi mit-tagħjir u l-bżieq. Sidi l-Mulej jgħinni, għalhekk ma nitħawwadx...’. Alla jsejjaħ lill-profeta biex imur iwassal Kelmtu lill-poplu, iżda l-poplu ma laqgħux tajjeb. Huwa ma jaqtax qalbu għax il-fiduċja tiegħu hi f’Alla u mhux fih innifsu. Kemm igawdi paċi minn jagħmel ir-rieda t’Alla f’ħajtu u l-fiduċja tiegħu hija fil-Mulej! Aħna ħafna drabi naħsbu li kollox jiddependi minna, u għalhekk ngħaddi minn ħafna ‘stress’ għaliex jew moħħna jkun filli nogħġbu n-nies, jew biex nidhru sbieħ aħna u nagħmlu r-rieda tagħna. Il-paċi vera tal-qalb insibuha biss jekk nagħmlu r-rieda t’Alla f’ħajjitna, u naħdmu daqs li kieku kollox jiddependi minna, iżda nafdaw f’Alla daqs li kieku kollox jiddependi minnU.
Is-Salm tal-lum huwa talba tal-bniedem li jfittex li jagħmel ir-rieda tal-Mulej f’ħajtu: ‘Inħobb il-Mulej,...; għaliex hu tani widen fil-jum li fih sejjaħtlu... fin-niket u l-hemm sibt ruħi. Imma isem il-Mulej sejjaħt: “Mulej, nitolbok, salvani!” Il-bniedem li jafda fil-Mulej xorta waħda jgħaddi mill-iebes tal-ħajja, iżda għax jaf li Alla huwa miegħu, huwa ma jaqtax qalbu.
Fil-Vanġelu tal-lum Ġesù jagħmel sfida lill-Appostli u lilna: “Imma intom, min tgħidu li jien?”. Faċli tgħid x’jgħid ħaddieħor fuq Ġesù, iżda huwa diffiċli ħafna tagħraf min hu tabilħaqq Ġesù għalik: ħafna drabi nkunu pronti nwieġbu li Ġesù hu Alla tagħna, iżda x’ħin ninżlu fil-fond ta’ qalbna nsibu li Ġesù verament għandu l-ewwel post f’ħajjitna?... Pietru kellu lil Ġesù verament fl-ewwel post f’qalbu, iżda lil Ġesù kif immaġinah hu, kif riedu jkun hu. Infatti meta Ġesù beda jitkellem dwar li kellu jbati u jkun miċħud mill-kbarat u joqtluh, Pietru beda jlumu jew jipprova jikkonvinċih biex jabbanduna s-Salib. Ġesù jċanfru bi mħabba, biex jgħin lilu u lilna nifhmu li ma hemmx triq li tagħti għall-ħajja li ma fihiex salib. Ġesù jaċċetta s-salib għax ried, biex isalvana; aħna t-tbatija tagħmel parti minn ħajjitna; l-għażla tagħna ma hijiex salib jew tgawdija, iżda nagħżlux it-triq ta’ Ġesù li nħaddnu s-salib flimkien miegħu, jew it-triq tad-dinja, jiġifieri li nippruvaw naħarbuh billi naljenaw irwieħna minnu mingħalina.
‘“Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, għandu jiċħad lilu nnifsu, jerfa’ salibu, u jimxi warajja.’ Kemm fihom għerf tas-sema dawn il-Kelmiet, kemm jagħmlulna ġid jekk infittxu li nifhmuhom u ngħixuhom! Is-salib min jaħarbu fl-aħħar jinduna li ma jistax jaħarbu għal dejjem u jispiċċa aktar mgħaffeġ minnu, jekk ma jaċċettax lil Ġesù: minn naħa l-oħra min jaċċetta li jġorr salibu flimkien ma’ Ġesù jintebaħ li s-salib huwa l-qawwa ta’ Alla li jinqeda l-aktar b’salibu biex jitfa’ xita ta’ grazzji fuqu, u fuq ħafna oħrajn permezz tiegħu. ‘Għax min irid isalva ħajtu, jitlifha; imma min jitlef ħajtu għall-imħabba tiegħi u tal-Evanġelju, isalvaha.’ Nistaqsu lilna nfusna: Liema hu s-salib tiegħi jew dik il-parti minn ħajti li li kieku nista’ narmiha l-bogħod minni? Kemm qed infittex lil Ġesù u l-Kelma tiegħu biex idawwal anke din il-parti ta’ ħajti? Lest li naċċetta li nġorr salibi flimkien Miegħu għax nemmen li permezz tas-salib Alla jitfa fuqi u fuq ħafna oħrajn permezz tiegħi, xita ta’ grazzji mis-sema?
Nitolbuk Mulej agħtina l-kuraġġ li naċċettaw u nġorru salibna flimkien miegħek għax konvinti li huwa int biss li tista’ tagħmel mis-salib tagħna għajn ta’ barka u grazzja. Għinna Mulej ħalli nifhmu li l-qtigħ ta’ qalb huwa dejjem tentazzjoni li rridu niġġildulha, u katter dejjem fina l-fiduċja fiK li ma tħallina qatt waħedna, l-aktar fil-mumenti fejn inħossu t-toqol tas-salib. Ammen.