top of page

L-Epifanija - Sena Ċ


Żgur li lkoll smajniha xi darba l-espressjoni ‘wiċċu jixhel’; ġeneralment tkun tirreferi għal xi ħadd li l-paċi ta’ qalbu tkun tidher ‘tiddi’ f’wiċċu. Meta tesperjenza xi ħaġa bħal din x’aktarx ma tinsihiex u tħalli mpressjoni kbira fuqek. Fl-ewwel qari tal-lum smajna, ‘Qum! Ħa jiddi wiċċek! Id-dawl tiegħek wasal! Jiddi fuqek sebħ il-Mulej! Ara d-dlamijiet jiksu l-art, u sħab iswed il-popli: iżda fuqek jiddi l-Mulej, u s-sebħ tiegħu jfiġġ fuqek.’ Il-profeta qed jirreferi għal Ġerusalemm u l-ibliet tagħha u l-poplu t’Alla li nħeles mill-jasar u issa rieġa lura mill-eżilju fejn kien. Hu ried jinkoraġġixxi l-poplu billi jgħidlu li l-Mulej kien miegħu u kien ser imexxih u allura ma għandux jaqta’ qalbu quddiem l-sfidi li kellu jiffaċċja. Interessanti ħafna l-espressjoni ‘fuqek jiddi l-Mulej’: mela ‘wiċċek jiddi’ għaliex jirrifletti d-dawl tal-Mulej. Illum qegħdin niċċelebraw festa sabiħa ħafna, l-Epifanija tal-Mulej, u tajjeb nistaqsu lilna nfusna: jien wiċċi jiddi bid-dawl tal-Mulej? Meta niltaqa mal-oħrajn inħallilhom togħma ta’ Alla jew tad-dinja fil-ħajja tagħhom?


Interessanti ħafna fl-Evanġelju tal-lum hija l-Kewkba li wasslet lill-Maġi għand Ġesù: żġur li ħafna kienu rawha din il-Kewkba, però l-Maġi biss fehemuha u wasslithom għand il-Mulej. Ħafna għażlu li x’ħin raw il-kewkba ma tawx każ, u Erodi u Ġerusalemm kollha miegħu, jiġifieri is-sede tal-poter, tħawwdu. Hija l-Kelma tal-Mulej li trid tkun il-Kewkba tagħna llum, u quddiem din il-Kewkba jiġri l-istess bħal fi żmien il-Maġi. Quddiem Ġesù, li mhux biss ġie biex iwassal il-Kelma t’Alla, iżda Hu l-Kelma t’Alla, jien kif nirreaġixxi: ma nagħtix każ, nitħawwad jew niltaqgħa ma’ Alla? Ir-riġali li joffru l-Maġi huma wkoll espressjoni ta’ fidi Fih: huma f’dik it-tarbija ċkejkna għarfu ’l Alla, infatti offrewlu l-inċens li jiġi offrut lil Alla, għarfu Sultan għax offrewlu d-deheb, u raw anke bniedem li kellu jbati u jmut biex jifdi lid-dinja għax offrewlu l-mirra li kienet ingwent użat fir-riti tad-dfin ta’ dak iż-żmien. Jien għalija min hu Ġesù? Jekk onestament nistaqsi lili nnifsi xi tweġiba nista’ nagħti minn qalbi? X’post għandu f’ħajti s-smiegħ tal-Kelma t’Alla? Kemm hu mportanti għalija li l-Kelma t’Alla mhux biss nismagħha, iżda nifhimha u allura nfittex gruppi, kotba u okkażjonijiet li jgħinuni nifhimha sew? Fuq kollox nagħmel impenn biex ngħix il-Kelma, jew nħalliha ttir mar-riħ?


Ilkoll kemm aħna ngħaddu minn xi żmien f’ħajjitna fejn id-dlam jidher li jkun aktar qawwi min żminijiet oħra, u l-Mulej lilna wkoll jibgħatilna xi kewkba f’dak iż-żmien li turina t-triq lejn il-Mulej. Iżda irridu nkunu kapaċi nerfgħu għajnejna ’l fuq biex narawha, u jeħtieġ nieħdu ażżjoni u nitħarrku minn fejn inkunu ilna mwaħħla u forsi anke drajna biex insibu lill-Mulej: għax id-dawl tiegħu biss jista’ jirrifletti fuqna u jwassal biex wiċċna jsir jiddi. Snin ilu quddiem knisja protestanta xi ħadd kiteb din l-espressjoni: ‘Wise men came to Jesus... and they still do’. Int/jien x’ser nagħmlu?


Mulej Ġesù inti llum turi lid-dinja l-identità tiegħek, jiġifieri li inti verament Alla magħmul bniedem għalina; agħtina l-għajnuna tiegħek biex mhux biss nagħrfu min int, iżda fuq kollox biex naċċettawk bħala Alla tagħna, u nħalluk taħdem fina s-salvazzjoni li int biss tista’ tagħtina. Ammen.

bottom of page