Ħsieb:
Wieħed mill-aktar fenomeni naturali li jġagħluna nħarsu lejn is-sema huwa bla dubju l-qawsalla: hija xi ħaġa meraviljuża li meta d-dawl tax-xemx jgħaddi minn ġox-xita jinferaq f’7 kuluri ta’ ġmiel straordinarju. Tgħid għaliex taffaxxinana daqshekk il-qawsalla u n-natura? Tgħid għaliex meta jkollna ħin niltaqgħu man-natura nħossu ċerta paċi tal-qalb?
Bla dubju qegħdin ngħixu ħajja mgħaġġla; donnu naħdmu kemm naħdmu ma nistgħux inlaħħqu. Ejja nieqfu ftit u naħsbu f’din l-aħħar ġimgħa biss kemm-il darba gergirna ma ħaddieħor jew bejna u bejn ruħna li ma nistgħux inlaħħqu, dejjem sejrin u donnu dak li għandna x’nagħmlu dejjem tiżdied. Tgħid għaliex? Tgħid għaliex ma għadx fadlilna ħin nieqfu, u nħarsu lejn is-sema, lejn il-qawsalla u nistgħġbu? Bla dubju qegħdin ngħixu ħajja li ħolqitilna ħafna aktar bżonnijiet u eżiġenzi minn qatt qabel; sa 25 sena ilu ħadd ma kellu mobile u ħadd ma kien jimmissjah, konna għaddejjin mingħajru, u forsi konna għaddejjin aħjar. Issa ivvintajna dan il-mobile u mhux biss spiża li trid taħdem għaliha biex tixtrih iżda wkoll jeħdilna ħafna ħin prezzjuż. Bħal dan l-eżempju nistgħu nġibu ħafna: kos hux missirijietna kienu aktar fqar, kienu jgħixu ħajja sempliċi, bi ftit bżonnijiet, iżda naħseb li naqbli li kienu ħafna aktar kuntenti minna.
Il-kelma t’Alla llum qegħda tistedinna nieqfu u nirriflettu ftit. Nistgħu nimmaġinaw lil Noè, ħiereġ mill-arka wara d-dilluvju, u jieqaf iħares affaxinat mill-qawsalla. ‘Inqiegħed il-qaws tiegħi fis-sħab, u jkun sinjal tal-patt bejni u bejn l-art. Meta niġma’ s-sħab fuq l-art u tfeġġ il-qawsalla fis-sħab, jien niftakar fil-patt bejni u bejnkom u bejn kull ruħ ħajja f’kull laħam;...’ Sfortunatament dilluvju kastig ta’ Alla ma reġax seħħ, iżda dilluvju li jġib il-bniedem b’idejh, frott l-egoiżmu tiegħu iseħħu ħafna. Kemm għandu raġun il-Papa Franġisku jsejħilna biex nħobbu u nirrispettaw in-natura! Il-bniedem li jitlef il-kapaċità li jieqaf u jħares lejn is-sema u jistagħġeb bil-kwiekeb, qawsalla, tlugħ ix-xemx... li mhux aktar kapaċi jieqaf u jistagħġeb bis-sbuħija tal-baħar, ta’ warda, farfett... bla dubju dan il-bniedem ikun tilef xi ħaġa speċjali minn ġo fih.
Dan il-bniedem li siker fuq kemm jippossjedi jew kemm jista’ jippossjedi, huwa bniedem li ftaqar minn ġewwa, huwa bniedem li forsi għandu bwietu mimlija iżda qalbu vojta, jgħix iżda ma jafx għalfejn qed jgħix. Forsi ħafna minna nħossu li aħna hekk: jekk dan hu l-każ, ma naqtgħux qalbna, Alla tant iħobbna li qiegħed joffrilna żmien ta’ grazzja, żmien li fih jistedinna biex nieqfu, iż-żmien tar-Randan. Inti temmen li int għandek bżonnu r-Randan? Alla ma jistax jagħtik grazzja li inti ma tħossx il-bżonn tagħha.
Fil-vanġelu tal-lum smajna, ‘l-Ispirtu ħareġ lil Ġesù fid-deżert. U baqa’ fid-deżert erbgħin jum, jiġġarrab mix-Xitan.’ Dan l-istess Spirtu qiegħed jistieden lili u lilek biex tagħmel esperjenza tad-deżert. Dak li żgur jiġi f’moħħna malli nsemmu deżert huwa s-skiet u forsi dan is-skiet nħalltuh mal-paċi, ninsew li s-skiet kapaċi jikxef il-battalji li jkun hemm ġo fina. Is-skiet nibżgħu minnu għax ilaqqagħna magħna nfusna, is-skiet huwa nvit biex nidħlu ġo fina u niffaċċjaw dik ir-realtà li forsi nkunu ttraskurajna: iva s-skiet ilaqqagħna mad-dnub tagħna. Waħidna ma jirxexxilniex nagħmluh dan il-vjaġġ għax ibeżżagħna, forsi għalhekk fil-ħajja noħolqu elf mod kif noqtlu s-skiet. Iżda l-bniedem marid ma jfieqx sempliċement għax jinnega li hu marid. Il-bniedem marid ifieq jekk jaċċetta li hu marid, iżda jagħraf li hemm l-għajnuna lesta għalih; għalhekk imur għand it-tabib u jieħu l-mediċina li jeħtieġ. Iva jien marid bid-dnub u t-tabib li jista’ jfejjaqni naf min hu, ħadd ħlief Ġesù, u biex niltaqgħa miegħu rrid noħroġ fid-deżert...
Mulej Ġesù int illum qed tistedinna nagħmlu l-aktar vjaġġ diffiċli tal-ħajja, jiġifieri li nidħlu fil-qalb tagħna u neżaminaw kif inhi sejra ħajjitna. Iżda f’dan il-vjaġġ int ma tħalliniex waħedna, Int stess trid tagħmel dan il-vjaġġ magħna. Agħtina Mulej il-kuraġġ meħtieġ biex nagħmlu dan il-vjaġġ miegħek, biex hekk nintebħu bid-dnub tagħna u nħallu lilek tfejjaqna u ngħinna nqumu biex inkomplu l-mixja tal-ħajja miegħek u fik. Ammen.