![](https://static.wixstatic.com/media/fc422f_6413812a4a2b4eceb6120ab56887257d~mv2.jpg/v1/fill/w_980,h_490,al_c,q_85,usm_0.66_1.00_0.01,enc_auto/fc422f_6413812a4a2b4eceb6120ab56887257d~mv2.jpg)
Forsi ftit minna nafu li l-ewwel tas-sena hija l-akbar festa tal-Madonna. Is-solennità ta’ Marija Omm Alla hija l-akbar u l-ewwel domma marjana: kien fis-sena 431 WK. li l-Konċilju ta’ Efesu ddikjar li Marija bir-raġun kollu għandna nseħulha Omm Alla, għaliex hija tat lid-dinja lil Alla magħmul bniedem. Kemm hu sabiħ il-ħsieb li kull sena tintemm u tibda bit-tħaddina ta’ din l-omm tas-sema.
Bir-raġun kollu għandna ngħidu mas-salm tal-lum, ‘Iħenn għalina Alla, u jberikna’ u ‘Ifaħħruk il-popli, o Alla, ifaħħruk il-popli kollha. Iberikna Alla...’, għaliex Alla mhux biss tana lilu nnifsu, iżda wkoll tana l-ommu biex tkun omm tagħna. Kemm hija kbira l-ħniena tiegħu magħna! U dan kollu għandu jwassalna biex għas-sena l-ġdida nagħmlu l-proponiment li nura aktar ħniena u mħabba lejn xulxin. Qegħdin ngħixu fi żmien fejn faċli nħallu l-stress u s-suppervja jagħmlu bina, u nispiċċaw nweġġgħu lil xulxin bi kliemna u għemilna. Il-festa tal-lum turina li meta nagħmlu hekk inkunu nitilfu d-dinjità tagħna ta’ bnedmin mogħtija lilna minn Alla. Huwa biss fir-rispett u l-imħabba, li tant tagħtina eżempju tajjeb tiegħu din l-Omm tagħna tas-sema, li nsibu l-paċi u l-kuntentizza.
San Pawl fit-tieni qari tal-lum jgħidilna, ‘għax intom ulied, Alla bagħat l-Ispirtu ta’ Ibnu f’qalbna jgħajjat: “Abbà! Missier!”. U hekk m’intix iżjed ilsir, iżda iben: u jekk iben, werriet ukoll bil-grazzja ta’ Alla.’ Dan ifisser li mingħajr jew qabel Ġesù, ir-relazzjoni tal-bniedem ma’ Alla kienet tiddependi minn liġi li minnha nfisha u waħeda tjassar il-bniedem, iżda issa r-relazzjoni tagħna ma’ Alla tinbena permezz ta’ Ġesù li jagħmilna wlied Alla u jeħlisna mill-iskjavitù tal-liġi. Iva, għax Ġesù sar wieħed minna u għax aħna, permezz tal-Magħmudija, sirna ħaġa waħda miegħu, aħna sirna tassew ulied Alla u nistgħu bħalu u miegħu ngħajjtu ‘Abba Missier’. Xi ħsieb isbaħ nistgħu nibdew is-sena l-ġdida bih minn dak li Alla mhux biss iħobbna iżda għamilna uliedu f’Ġesù l-Iben uniku tiegħu.
Fl-Evanġelju tal-lum inkomplu nisimgħu dak li smajna fil-lejl tal-Milied u r-ragħajja jkomplu juruna kemm, minkejja s-sempliċità tal-ħajja tagħhom, kienu magħżula minn Alla biex iqimu lil Ibnu mwieled għalina. Tgħid propju minħabba din is-sempliċità li Alla għażilhom? Forsi kieku konna aħna ma tantx konna nimpressjonaw ruħna għax għall-għajnejn tal-ġisem huma sabu biss omm li għadha kemm welldet u t-tarbija tagħha f’kundizzjoni ta’ faqar. Marija terġa tgħallimna xi ħaġa speċjali, ‘Marija, min-naħa tagħha, baqgħet tgħożż f’qalbha dawn il-ħwejjeġ kollha u taħseb fuqhom bejnha u bejn ruħha.’ Kemm aħna kapaċi aħna nintebħu b’tant doni li Alla jagħmel magħna u bħala ngħożżuhom fil-qalb tagħna?
F’dan l-ewwel jum tas-sena aħna nagħtu l-awgurju lil xulxin: forsi l-aħjar tip ta’ awguri li nistgħu nagħtu lil xulxin jagħtihielna l-ewwel qari. Dan hu li nixtiqulkom minn qalbna:
Ibierkek il-Mulej u jħarsek! Jixħet il-Mulej id-dija ta’ wiċċu fuqek, u jurik il-ħniena! Iħares lejk il-Mulej bi mħabba, u jagħtik is-sliem!’.