top of page

Ħadd il-Palm - Sena B

Writer's picture: Għasri ParishGħasri Parish


Jekk Alla jrid, ser nagħtu bidu għall-aktar ġimgħa importanti għalina l-insara. Il-Ġimgħa Mqaddsa hija l-mument li fih ningħaqdu ma’ Kristu fit-twaqqif tal-Ewkaristija, fil-passjoni, mewt u qawmien tiegħu. Din hi l-Mogħdija tal-Mulej, li huwa jseħibna fiha permezz tal-Misteru tal-Għid u permezz tas-sagramenti. Għalhekk, bħala nsara, l-impenn tagħna li nieħdu sehem f’dawn iċ-ċelebrazzjonijiet għandu jkun turija tal-Fidi tagħna f’Ġesù, u ta’ xhieda li f’ħajjitna l-ewwel post huwa tiegħU. Dan huwa mument speċjali ta’ grazzja, li Alla jrid jagħtihulna b’xejn, jekk aħna verament nkunu nixtiquh u nkunu disposti li nilqgħuh. Wieħed mill-aqwa modi li bih aħna lil Alla nuruh ix-xewqa tagħna li jseħibna fil-misteru ta’ Kristu hija qrara ppreparata u sinċiera; nisrani li jieħu l-mixja tal-Fidi tiegħu bis-sinċerità, jiftaħ qalbu għall-grazzja tal-Maħfra permezz tas-sagrament tal-qrar.



Dan huwa mument li fih, bħala komunità nisranija, nieqfu u nħarsu lejn is-salib ta’ Ġesù li kif kien isejjaħlu San Ġorġ Preca, huwa l-Ktieb il-Kbir, li Hu biss jista’ jgħallimna u jagħtina dak li ebda ktieb ma jagħtina, jiġifieri t-tagħlim tal-Ħajja. Barra dan, il-fergħa taż-żebbuġ mbierka li ser nieħdu magħna ftit tkun tfisser mingħajr l-impenn tagħna li nieħdu sehem attiv fit-Tridu tal-Għid, jiġifieri li nieħdu sehem fiċ-ċelebrazzjonijiet ta’ Ħamis ix-Xirka, l-Ġimgħa l-Kbira u fuq kollox il-Velja l-Kbira ta’ Sibt il-Għid tal-Qawmien tal-Mulej Ġesù mill-mewt. Dawk li mingħajr raġuni serja ma jieħdux sehem f’dawk iċ-ċelebrazzjonijiet nħeġġihom jistaqsu ftit lilhom nfushom bis-serjetà xi jfisser għalihom tkun nisrani: kif jista’ nisrani li jieħu bis-serjetà l-fidi tiegħu ma jagħmilx impenn ġenwin li jieħu sehem f’dawn il-mumenti tant għeżież għalina.



Mulej Ġesù, mixħutin f’riġlejk aħna u nimmeditaw il-passjoni u l-mewt ħarxa tiegħek fuq is-salib, nixtiequ nisktu, u nikkontemplaw sa fejn twassal l-imħabba ta’ Alla għalina. Moħħna ma jistax jifhem l-kobor tal-imħabba li ntweriet lilna qalb tant ħruxija. Illum nixtiequ nħallu lilek tkellemna, iva x-xbieha tiegħek msallab tkellemna, tispirana u tgħajjixna. Għinna Mulej ħalli nifhmu li l-imħabba vera ma hijiex kumdità, ma tiffukax fuq dak li ser nirċievu aħna, iżda fuq dak li ser nagħtu, jew aħjar l-imħabba vera tfisser li ningħataw, bħalma ngħatajt int għalina. Mulej, f’dinja li qalet għajnejha minn fuqek u hekk ma tafx iżjed tħobb, għinna ħalli hemm fejn ma hemmx imħabba, inkunu aħna li nħobbu b’dik l-istess imħabba li ħabbejtna int, għax nemmnu li fejn inpoġġu mħabbtek hemm insibu mħabba bl-abbundanza. Ammen.

bottom of page